Hastings Gardens, huwa spazju pubbliku fil-Belt Valletta, jinsab fuq l-Iswar ta’ San Ġwann u San Mikiel. Biex iżżur dan il-ġnien trid tidħol minn Bieb il-Belt, ħu l-ewwel xellug u itla’ t-taraġ biex taċċessa l-ġnien, fejn hemm diversi entraturi minn fejn tidhol.
Għalkemm mhux popolari daqs il-ġonna ta’ Barrakka ta’ Fuq u ta’ Isfel, il-Ġnien ta’ Hastings joffri atmosfera aktar kwieta u rilassanti b’veduti sbieħ u ħafna bankijiet fejn wieħed jista’ jistrieħ u jgawdi l-veduta. Minn naħa waħda, tista’ tara l-Funtana tat-Tritoni, u minn naħa l-oħra, tista’ tara veduti tal-Port ta’ Marsamxett, Msida, Tas-Sliema, u Manoel Island.
Il-ġnien kien iddisinjat mill-perit Adriano DeVina u jġib l-isem ta’ Francis Edward Rawdon-Hastings, li serva bħala gvernatur ta’ Malta bejn l-1824 u l-1826. F’dan il-ġnien wieħed isib monument iddedikat lil Lord Hastings, li huwa midfun fil-ġnien.