Iż-Żona tal-Kunċerti, tinsab maġenb il-Ġnien Formali u l-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, fejn sit abbandunat ta’ madwar 14,700 metru kwadru ġie trasformat f’ispazju kbir miftuħ għall-pubbliku. Din iż-żona, li qabel kienet mimlija materjal ta’ kostruzzjoni mormi illegalment, ġiet żviluppata mill-ġdid f’arena kbira fil-miftuħ għall-kunċerti ta’ livell għoli u użu rikreattiv. Is-sit jinkludi dawl modern, palk kbir, faċilitajiet pubbliċi, gabbani, u klinika. Jista’ jakkomoda sa 17,000 persuna għal kunċerti u jservi bħala żona rikreattiva fejn jistgħu jsiru l-pikniks. Tħawlu madwar 1,500 siġar u arbuxxelli ġodda li jissaqqew permezz ta’ ġiebja taħt l-art li fiha tiġbor l-ilma tax-xita.